Lura
Lejl f’Casal Fornaro 2009
Deparment of Information - 7th October 2009
Lejl f’Casal Fornaro 2009 ... Edizzjoni akbar minn qatt qabel

Nhar is-Sibt 17 t’Ottubru se tiġi organizzata it-tielet edizzjoni tal-attività ‘Lejl f’Casal Fornaro’. Ħal Qormi mistenni li jilqa’ fi ħdanu bosta viżitaturi ta’ kull età għal numru ta’ attrazzjonijiet li joffru diveritment kulturali.

Dan l-avveniment ikkwalifika taħt l-iskema tal-attivitajiet kulturali tal-Kunsilli Lokali maħruġa mis-Segretarjat Parlamentari għall-Konsultazzjoni Pubblika u Informazzjoni, u qed jiġi ko-ordinat mill-Kunsill Lokali u organizzat mill-Kummissjoni Żgħażagħ Bastjaniżi. Waqt it-tnedija tal-attività, Chris Said, Segretarju Parlamentari għall-Konsultazzjoni Pubblika u Informazzjoni faħħar din l-inizjattiva li qed tgħaqqad flimkien mat-80 voluntier u li hu stmat li għaliha attendew 25,000 is-sena l-oħra.

L-attività ser tkun estiża f’firxa iktar wiesgħa ta’ toroq mis-snin preċedenti, li fihom se jiġu esposti numru ta’ snajja u drawwiet marbuta ma’ Ħal Qormi, ewlenija fosthom il-produzzjoni tal-ħobża Maltija u diversi prodotti oħra magħmulin mill-qamħ li huma moħmija f’diversi fran f’Ħal Qormi. Dawn il-prodotti llum huma meqjusa mhux biss bħala prodott tradizzjonali, iżda prattikament bħala s-simbolu tal-lokal.

Partikolarment fi żmien il-Kavallieri ta’ San Ġwann, Ħal Qormi kien jinkorpora fih diversi mtieħen u fran li kienu jissupplixxu l-Belt Valletta u bosta palazzi bil-ħobż tagħhom. Għalhekk kemm il-darba kienet issir referenza għal Ħal Qormi bħala Casal Fornaro – il-lokal tal-furnara.

L-organizzaturi tal-attività, fil-parti l-kbira żgħażagħ, qed jaħdmu biex flimkien itellgħu diversi wirjiet ta’ interess, fosthom dawk artistiċi, kif ukoll varjetà ta’ mużika permezz tat-terramaxka, għana, u baned. Apparti l-Big Band Brothers, ser ikunu qed jingħaqdu flimkien seba’ baned minn irħula differenti li għandhom l-isem tagħhom marbut mal-Ordini tal-Kavallieri, u li għall-ewwel darba fl-istorja mużikali ser idoqqu flimkien fit-toroq tal-Belt Pinto.

Ta’ attrazzjoni wkoll se jkunu sitt produzzjonijiet teatrali fit-toroq, ispirati mill-kitbiet ta’ George Żammit, George Mifsud Chircop, Ġuże Ellul Mercer kif ukoll Trevor Żahra. Ser ikun hemm ukoll esibizzjonijiet ta’ fotografija u se jkun miftuħ ix-xelter f’dik li kienet l-Armerija tal-lokal, b’esibizzjoni marbuta mal-gwerra.

Qed jitħejjew ukoll diversi attrazzjonijiet fosthom pudina ta’ daqs enormi li l-qligħ tagħha se jmur għal Puttinu Cares, kif ukoll Dar tal-Ħelu lifesize. Dan filwaqt li se jiġi servut ikel tradizzjonali minn diversi stands, bħal ftira Qormija, fniek u majjal servut fil-ħobż Malti, imbejjed lokali u ħlewwiet tradizzjonali.

Numru ta’ snajja’ ser jerġgħu jieħdu l-ħajja f’din l-attività. Dawn jinkludu dawk tal-landier, il-ħaddied, l-arġentier, l-induratur u l-iskultur. Il-bejjiegħ tal-bigilla u tal-ħalib se jduru mat-toroq bil-bhejjem tagħhom sabiex jipprovdu s-servizz lill-viżitaturi. Anzjani Qriema ser jesebixxu ix-xogħol tal-arkett, ganutell u bizzilla fost l-oħrajn.

Wara s-suċċess miksub f’edizzjonijiet oħra, il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi qed jara li jkun provduti aktar spazju ta’ parkeġġ, fosthom fil-ground tal-futbol kif ukoll il-parkeġġ tal-PAVI shopping complex.

Il-pubbliku qed jiġi mħeġġeġ biex jiġi għall-attività b’ilbies tradizzjonali biex jerġa’ jidħol fl-ispirtu tal-ħajja tal-passat ta’ Ħal Qormi. Is-sit www.casalfornaro.com qed jipprovdi informazzjoni dettaljata tal-attività.